SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)
13 ta’ Marzu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 5(1)(d) – Prinċipju ta’ preċiżjoni – Artikolu 16 – Dritt għar-rettifika – Artikolu 23 – Limitazzjonijiet – Data dwar l-identità tal-ġeneru – Data mhux preċiża sa minn meta tiddaħħal f’reġistru pubbliku – Mezzi ta’ prova – Prassi amministrattiva li titlob prova ta’ trattament kirurġiku ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-ġeneru”
Fil-Kawża C‑247/23 [Deldits] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ April 2023, fil-proċedura
VP
vs
Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, T. von Danwitz (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Ħames Awla, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. M. Collins,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2024,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal VP, minn G. Győző, ügyvéd, E. Polgári u T. L. Sepsi, ügyvéd, |
|
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Estonjan,, minn N. Grünberg, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn S. Núñez Silva u A. Pérez-Zurita Gutiérrez, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard, B. Dourthe u B. Fodda, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman, A. Hanje u M. J. M. Hoogveld, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, A. Pimenta, M. J. Ramos u Â. Seiça Neves, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, H. Kranenborg u Zs. Teleki, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Settembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn VP, persuna fiżika, u l-Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság (id-Direttorat Ġenerali Nazzjonali għall-Pulizija tal-Immigrazzjoni, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem l-“awtorità responsabbli għall-ażil”) dwar ir-rettifika tad-data dwar l-identità tal-ġeneru ta’ VP f’reġistru pubbliku miżmum minn din l-awtorità. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 1, 10, 59 u 73 tal-GDPR jistipulaw:
[…]
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 tal-GDPR, intitolat “Suġġett u objettivi”, jiddisponi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Dan ir-Regolament jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali.” |
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-GDPR, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 4 tal-GDPR intitolat “Definizzjonijiet”: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
[…]” |
|
7 |
L-Artikolu 5 tal-GDPR, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Id-data personali għandha: […]
[…]” |
|
8 |
L-Artikolu 6 tal-GDPR, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jiddisponi: “1. L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin: […]
[…]
[…] 2. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ pproċessar għal konformità mal-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 billi jiddeterminaw b’mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar u miżuri oħrajn biex jiġi żgurat ipproċessar legali u ġust inkluż għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. 3. Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:
Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista’ jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta’ data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista’ tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta’ pproċessar u proċeduri ta’ pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex. […]” |
|
9 |
L-Artikolu 16 tal-GDPR, intitolat “Dritt għar-rettifika”, jipprevedi: “Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur mingħajr dewmien żejjed ir-rettifika ta’ data personali li tikkonċerna lilu li ma tkunx eżatta. B’kont meħud tal-għanijiet tal-ipproċessar, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb il-kompletezza tad-data personali mhux kompluta, inkluż billi jipprovdi dikjarazzjoni supplimentari.” |
|
10 |
L-Artikolu 23 tar-GDPR, intitolat “Restrizzjonijiet”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:
[…]
[…]” |
Id-dritt Ungeriż
|
11 |
L-Artikolu 81 tal-menedékjogról szóló 2007. évi LXXX. törvény (il-Liġi Nru LXXX tal‑2007 dwar id-Dritt għall-Ażil) tad‑29 ta’ Ġunju 2007 (Magyar Közlöny 2007/83., iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil”) jiddisponi: “L-awtorità responsabbli għall-ażil għandha tipproċessa, fir-reġistru relatat ma’ dawn il-kwistjonijiet, id-data personali ta’ refuġjati, ta’ benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja, ta’ benefiċjarji ta’ skemi ta’ stabbiliment mill-ġdid, ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja, u anki ta’ persuni li qegħdin ifittxu l-protezzjoni internazzjonali u ta’ persuni suġġetti għall-proċedura ta’ Dublin (iktar ’il quddiem, flimkien, ‘persuni suġġetti għal din il-liġi’), l-informazzjoni dwar is-soġġorn tagħhom u dwar l-assistenza u l-għajnuna li huma intitolati għaliha, kif ukoll il-bidliet sussegwenti għal tali informazzjoni, għall-għan ta’:
|
|
12 |
L-Artikolu 82 tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ dan il-kapitolu, id-data segwenti tal-persuni suġġetti għal din il-liġi għandha titqies bħala d-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi: […] (f) il-ġeneru.” |
|
13 |
Skont l-Artikolu 83(1) ta’ din il-liġi: “Ir-reġistru tal-kwistjonijiet tal-ażil għandu jinkludi d-data segwenti tal-persuni suġġetti għal din il-liġi:
[…]” |
|
14 |
L-Artikolu 83/A(5) ta’ l-imsemmija liġi jiddisponi: “L-awtorità responsabbli għall-ażil għandha tkun obbligata biex, ex officio, tħassar reġistrazzjonijiet li huma kuntrarji għar-regolamenti, li tikkoreġi dawk li huma skorretti u li tforni kwalunkwe reġistrazzjoni mħollija barra mir-reġistru uffiċjali miżmum minnha.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
15 |
VP huma persuna ta’ nazzjonalità Iranjana li kisbu l-istatus ta’ refuġjat fl-Ungerija matul is-sena 2014. Insostenn tat-talba tagħhom għall-kisba ta’ dan l-istatus, VP kienu invokaw l-identità trans tagħhom u pproduċew ċertifikati mediċi stabbiliti minn speċjalisti fil-psikjatrija u fil-ġinekoloġija. Skont dawn id-dikjarazzjonijiet, għalkemm VP twieldu mara, l-identità tal-ġeneru tagħhom kienu maskili. Wara r-rikonoxximent tal-istatus tagħhom ta’ refuġjat fuq din il-bażi, VP ġew madankollu rreġistrati bħala mara fir-reġistru tal-ażil li, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, huwa miżmum mill-awtorità responsabbli għall-ażil u li jinkludi d-data ta’ identifikazzjoni, inkluż il-ġeneru, tal-persuni fiżiċi li kisbu dan l-istatus. |
|
16 |
Matul is-sena 2022, VP ippreżentaw applikazzjoni quddiem l-awtorità responsabbli għall-ażil, abbażi tal-Artikolu 16 tal-GDPR, intiża sabiex tiġi rrettifikata l-indikazzjoni tal-ġeneru tagħhom għal raġel u sabiex jinbidel isimhom fir-reġistru tal-ażil. VP annettew l-imsemmija ċertifikati mediċi ma’ din it-talba. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ottubru 2022, din l-awtorità ċaħdet l-imsemmija applikazzjoni, minħabba li VP ma kinux werew li kienu sostnew trattament kirurġiku ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-ġeneru u li l-attestazzjonijiet ipprovduti kienu jistabbilixxu biss l-identità trans tagħhom. |
|
17 |
VP ippreżentaw rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), li hija l-qorti tar-rinviju. Insostenn tar-rikors tagħhom, VP isostnu li l-identità trans timplika, mid-definizzjoni tagħha stess, bidla fl-identità tal-ġeneru u li ċ-ċertifikati mediċi ppreżentati jikkonfermaw din il-bidla. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) jirriżulta li trattament kirurġiku ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-ġeneru ma jistax jintalab għall-finijiet tar-rikonoxximent ta’ bidla ta’ identità tal-ġeneru. Rekwiżit ta’ din in-natura jmur ukoll kontra, b’mod partikolari, l-Artikoli 3 u 7 tal-Karta. VP isostnu wkoll li diversi Stati Membri, inklużi r-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika Portugiża u r-Renju tal-Isvezja, jirrikonoxxu l-bidliet fl-identità tal-ġeneru abbażi ta’ dikjarazzjonijiet tal-persuni kkonċernati. VP jippreċiżaw li ċ-ċertifikati mediċi ppreżentati insostenn tar-rikors tagħhom isemmu l-apparenza maskili tagħhom u jsemmu espressament, bħala dijanjosi, il-kodiċi F64.0 tal-klassifikazzjoni internazzjonali tal-mard stabbilita mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), dwar l-identità trans. |
|
18 |
L-awtorità responsabbli għall-ażil titlob li r-rikors jiġi miċħud. |
|
19 |
Skont il-qorti tar-rinviju, għalkemm huwa minnu li l-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil tinkludi dispożizzjoni ġenerali dwar ir-rettifika ta’ reġistrazzjonijiet żbaljati, din il-liġi la tipprevedi l-proċedura u lanqas il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ bidla tal-identità tal-ġeneru u/jew tal-isem fir-rigward ta’ tali bidla. F’dan ir-rigward, l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Ungerija) qieset fis-sentenza tagħha Nru 6/2018 tas‑27 ta’ Ġunju 2018, li n-nuqqas ta’ adozzjoni, mil-leġiżlatur Ungeriż, ta’ proċedura li tippermetti lill-persuni li jirrisjedu legalment fl-Ungerija, mingħajr ma għandhom il-kwalità ta’ ċittadini Ungeriżi, jemendaw l-indikazzjoni dwar il-ġeneru tagħhom u isimhom, meta tali possibbiltà kienet offruta liċ-ċittadini Ungeriżi, kienet antikostituzzjonali. Barra minn hekk, il-Qorti EDB iddeċidiet, permezz tas-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Lulju 2020, Rana vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2020:0716JUD004088817), li l-Ungerija kienet kisret il-KEDB billi ma pprevedietx proċedura ta’ rikonoxximent ġuridiku ta’ bidla tal-identità tal-ġeneru għar-refuġjati. Din is-sitwazzjoni ta’ lakuna ġuridika ilha teżisti minn dak iż-żmien’l hawn, minkejja dawn is-sentenzi. |
|
20 |
L-imsemmija sitwazzjoni hija aggravata mill-fatt li, sa mis-sena 2020, il-possibbiltà ta’ rikonoxximent ġuridiku ta’ bidla fl-identità tal-ġeneru ma baqgħetx teżisti għaċ-ċittadini Ungeriżi. Huwa preċiżament minħabba din l-assenza ta’ possibbiltà ta’ rikonoxximent fid-dritt nazzjonali li VP ippreżentaw r-rikors tagħhom abbażi tal-Artikolu 16 tal-GDPR. F’tali kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan l-artikolu jimponix fuq l-awtorità responsabbli għall-ażil obbligu li tirrettifika d-data dwar il-ġeneru fir-reġistru tal-ażil u, fl-affermattiv, liema jkunu l-provi li s-suġġett tad-data għandu jipproduċi insostenn tal-applikazzjoni tiegħu. |
|
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
22 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16 tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga fuq awtorità nazzjonali responsabbli miż-żamma ta’ reġistru pubbliku li tirrettifika d-data personali dwar l-identità tal-ġeneru ta’ persuna fiżika meta din id-data ma tkunx preċiża, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(d) ta’ dan ir-regolament. |
|
23 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 16 tal-GDPR, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur, mingħajr dewmien żejjed, ir-rettifika tad-data personali li tikkonċernah li ma tkunx preċiża. Filwaqt li jitqiesu l-għanijiet tal-ipproċessar, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb il-kompletezza tad-data personali mhux kompluta, inkluż billi jipprovdi dikjarazzjoni supplimentari. |
|
24 |
Din id-dispożizzjoni tikkonkretizza d-dritt fundamentali stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(2) tal-Karta, li tipprovdi li kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li tikkonċernaha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha. |
|
25 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 16 tal-GDPR għandu jinqara fid-dawl, minn naħa, tal-Artikolu 5(1)(d) tal-GDPR, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ preċiżjoni, li jipprovdi li d-data pproċessata għandha tkun preċiża u, jekk neċessarju, tinżamm aġġornata, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li għandhom jittieħdu l-miżuri raġonevoli kollha sabiex id-data li ma tkunx preċiża, fid-dawl tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata, titħassar jew tiġi rrettifikata mingħajr dewmien. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni għandha tinqara wkoll fid-dawl tal-premessa 59 tal-GDPR, li minnha jirriżulta li għandhom jiġu previsti modalitajiet sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju mis-suġġett tad-data tad-drittijiet mogħtija lilu minn dan ir-regolament, inklużi l-mezzi sabiex jitlob u, jekk ikun il-każ, jikseb mingħajr spejjeż, b’mod partikolari, ir-rettifika tad-data personali tiegħu. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura preċiża u kompleta tad-data personali għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan li għalih inġabret din id-data (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak, C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 53). |
|
27 |
Fl-aħħar nett, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tal-GDPR, għandu jitfakkar mill-ġdid li l-għan imfittex minn dan ir-regolament, hekk kif jirriżulta kemm mill-Artikolu 1 kif ukoll mill-premessi 1 u 10 tiegħu, huwa, b’mod partikolari, dak li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, stabbiliet fl-Artikolu 8(1) tal-Karta u fl-Artikolu 16(1) TFUE (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2025, Mousse,C‑394/23, EU:C:2025:2, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Konformement ma’ dan l-għan, kull ipproċessar ta’ data personali għandu, b’mod partikolari, ikun konformi mal-prinċipji dwar l-ipproċessar ta’ tali data stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-GDPR, inkluż il-prinċipju ta’ preċiżjoni mfakkar fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, iżda għandu jissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet ta’ legalità elenkati fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2025, Mousse,C‑394/23, EU:C:2025:2, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, iż-żamma tad-data pproċessata tikkostitwixxi aspett essenzjali tal-protezzjoni tas-suġġett tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data. |
|
30 |
F’dan il-każ, huwa stabbilit, minn naħa, li l-informazzjoni dwar l-identità tal-ġeneru ta’ VP tista’ tiġi kklassifikata bħala “data personali”, peress li hija relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, u, min-naħa l-oħra, li din id-data kienet is-suġġett ta’ “pproċessar”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, meta din tkun inġabret u ġiet irreġistrata mill-awtorità responsabbli għall-ażil f’reġistru pubbliku, jiġifieri r-reġistru tal-ażil. Konsegwentement, tali pproċessar, li jirrigwarda data li tinsab jew li hija intiża li tagħmel parti minn fajl, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmi regolament, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2025, Mousse,C‑394/23, EU:C:2025:2, punt 30). |
|
31 |
Għalkemm l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar ikkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-GDPR, ma tidhirx li ġiet ikkontestata fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-osservanza, mill-awtorità responsabbli għall-ażil, tal-prinċipju ta’ preċiżjoni stabbilit fl-Artikolu 5(1)(d) ta’ dan ir-regolament hija kkontestata minn VP, li jitolbu rettifika tad-data personali dwar l-identità tal-ġeneru tagħhom, skont l-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament. |
|
32 |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-preċiżjoni tad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-għan li għalih din inġabret u li għandha tevalwa, b’mod partikolari, fid-dawl tal-Artikolu 81(c) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, jekk il-ġbir ta’ din id-data għandux l-għan li jidentifika s-suġġett tad-data. Jekk dan kellu jkun il-każ, l-imsemmija data tidher għalhekk li tirrigwarda l-identità tal-ġeneru esperjenzata minn din il-persuna, u mhux dik li ġiet assenjata lilha mat-twelid. F’tali kuntest, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ungeriż, huwa l-kontrollur, f’dan il-każ l-awtorità responsabbli għall-ażil, li għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-identità tal-ġeneru tal-imsemmija persuna fil-mument tar-reġistrazzjoni tagħha fir-reġistru tal-ażil, u mhux l-identità tal-ġeneru li ġiet assenjata lilha mat-twelid. |
|
33 |
Konsegwentement, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 31 u 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, u fid-dawl tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħid li, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, l-Ungerija aċċettat li VP kienet persuna transġeneru, id-data personali dwar l-identità tal-ġeneru tagħhom, li tinsab fir-reġistru tal-ażil, tidher li ma kinitx preċiża sa mir-reġistrazzjoni tagħhom. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ungeriż, Stat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali speċifiċi, adottati abbażi tal-Artikolu 6(2) u (3) tal-GDPR, sabiex jostakola d-dritt għar-rettifika stabbilit fl-Artikolu 8(2) tal-Karta u kkonkretizzat fl-Artikolu 16 tal-GDPR. |
|
35 |
Fil-fatt, minn naħa, mit-tielet sentenza tal-premessa 10 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi huma intiżi biss sabiex jippreċiżaw iktar l-applikazzjoni tar-regoli li jinsabu fil-GDPR, u mhux sabiex jidderogaw minnhom. |
|
36 |
Min-naħa l-oħra, id-dritt għar-rettifika stabbilit fl-Artikolu 16 tal-GDPR jista’ jiġi limitat biss fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 73 tiegħu. Għalhekk, Stat Membru jista’ b’mod partikolari jipprevedi, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi interni, limitazzjonijiet għal dan id-dritt, fir-rigward ta’ data personali li tinsab f’reġistri pubbliċi miżmuma għal raġunijiet ta’ interess pubbliku ġenerali. Madankollu, f’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-leġiżlatur Ungeriż illimita, billi osserva l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23 tal-GDPR, il-portata tal-imsemmi dritt għar-rettifika, u lanqas li l-awtorità responsabbli għall-ażil immotivat ir-rifjut tagħha tar-rettifika mitluba billi invokat tali limitazzjoni legali. Fil-fatt, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li dan ir-rifjut ma huwiex ibbażat fuq miżura leġiżlattiva adottata skont l-Artikolu 23 tal-GDPR, iżda fuq il-kunsiderazzjoni li VP ma pproduċewx il-prova tal-identità tal-ġeneru tagħhom. |
|
37 |
Fi kwalunkwe każ, Stat Membru ma jistax jinvoka l-assenza, fid-dritt nazzjonali tiegħu, ta’ proċedura ta’ rikonoxximent ġuridiku tal-identità trans sabiex jostakola d-dritt għar-rettifika. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-istatus ċivili tal-persuni u tar-rikonoxximent ġuridiku tal-identità tal-ġeneru tagħhom, dawn l-Istati għandhom madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw id-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi li persuna transġeneru, fin-nuqqas tar-rikonoxximent tal-identità tal-ġeneru tagħha, tkun tista’ tissodisfa kundizzjoni neċessarja għall-benefiċċju ta’ dritt protett mid-dritt tal-Unjoni bħal, f’dan il-każ, id-dritt stabbilit fl-Artikolu 8(2) tal-Karta u kkonkretizzat fl-Artikolu 16 tal-GDPR, għandha titqies li hija, bħala prinċipju, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Mirin,C‑4/23, EU:C:2024:845, punti 53 u 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 16 tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga fuq awtorità nazzjonali responsabbli miż-żamma ta’ reġistru pubbliku li tirrettifika d-data personali dwar l-identità tal-ġeneru ta’ persuna fiżika meta din id-data ma tkunx preċiża, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(d) ta’ dan ir-regolament. |
Fuq it-tieni u t-tielet domanda
|
39 |
Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16 tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jissuġġetta, permezz ta’ prassi amministrattiva, l-eżerċizzju tad-dritt għar-rettifika tad-data personali dwar l-identità tal-ġeneru ta’ persuna fiżika, li tinsab f’reġistru pubbliku, għall-produzzjoni ta’ provi, b’mod partikolari, ta’ trattament kirurġiku ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-ġeneru. |
|
40 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 16 tal-GDPR ma jippreċiżax liema huma l-provi li jistgħu jintalbu minn kontrollur sabiex tiġi stabbilita n-natura mhux preċiża tad-data personali li persuna fiżika titlob ir-rettifika tagħha. |
|
41 |
F’dan il-kuntest, jekk is-suġġett tad-data, li jitlob ir-rettifika ta’ din id-data, jista’ jkun obbligat jipproduċi l-provi rilevanti u suffiċjenti li jistgħu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, raġonevolment jintalbu minn dan is-suġġett sabiex tiġi stabbilita n-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-imsemmija data (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Google (Tneħħija ta’ referenza għal informazzjoni allegatament falza),C‑460/20, EU:C:2022:962, punti 68 u 72), għandu madankollu jiġi ppreċiżat, kif tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li Stat Membru jista’ jillimita l-eżerċizzju tad-dritt għar-rettifika biss b’osservanza tal-Artikolu 23 tal-GDPR. |
|
42 |
Issa, l-Artikolu 23(1) tal-GDPR jipprevedi li d-dritt tal-Unjoni jew id-dritt tal-Istat Membru li għalih huwa suġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data jistgħu, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, jillimitaw il-portata tal-obbligi u tad-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u fl-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll fl-Artikolu 5 tiegħu sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt inkwistjoni jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22 tal-imsemmi regolament, madankollu, bil-kundizzjoni li tali limitazzjoni tosserva l-essenza tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali u li tikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika sabiex jiġu ggarantiti ċerti għanijiet elenkati minn dan l-istess regolament bħal, b’mod partikolari, għanijiet importanti ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. Kif ġie rrilevat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, id-dritt għar-rettifika jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet fil-kuntest taż-żamma ta’ reġistri pubbliċi miżmuma għal raġunijiet ta’ interess pubbliku ġenerali, b’mod partikolari sabiex tiġi ggarantita l-affidabbiltà u l-koerenza ta’ dawn ir-reġistri. |
|
43 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Istat Membru kkonċernat adotta prassi amministrattiva li tikkonsisti fl-issuġġettar tal-eżerċizzju, minn persuna transġeneru, tad-dritt tagħha għar-rettifika tad-data dwar l-identità tal-ġeneru tagħha, li tinsab f’reġistru pubbliku, għall-produzzjoni ta’ provi ta’ trattament kirurġiku ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-ġeneru. Tali prassi amministrattiva tagħti lok għal limitazzjoni tad-dritt għar-rettifika, li għandha tkun konformi mal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23 tal-GDPR, kif tfakkar fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza. |
|
44 |
Issa, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li din il-prassi amministrattiva ma tissodisfax ir-rekwiżit li d-dritt ta’ Stat Membru jista’ jillimita l-portata tad-dritt previst fl-Artikolu 16 tal-GDPR biss permezz ta’ miżuri leġiżlattivi. Fil-fatt, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, id-dritt Ungeriż ma jidher li jinkludi ebda miżura leġiżlattiva relatata mar-rekwiżiti ta’ prova applikabbli fir-rigward tar-rettifika tad-data dwar l-identità tal-ġeneru tal-persuni rreġistrati fir-reġistru tal-ażil. |
|
45 |
It-tieni nett, tali prassi amministrattiva tippreġudika l-essenza tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta u, b’mod partikolari, l-essenza tad-dritt għall-integrità tal-persuna u tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, rispettivament imsemmija fl-Artikoli 3 u 7 tagħha. |
|
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet iggarantiti minnha għandhom l-istess sens u l-istess portata bħad-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, peress li din tal-aħħar tikkostitwixxi livell minimu ta’ protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Mirin,C‑4/23, EU:C:2024:845, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Issa, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti EDB jirriżulta li l-Artikolu 8 tal-KEDB, li jikkorrispondi għall-Artikolu 7 tal-Karta, jipproteġi l-identità tal-ġeneru ta’ persuna, li hija element kostituttiv u wieħed mill-aspetti l-iktar intimi tal-ħajja privata tagħha. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tinkludi d-dritt ta’ kull persuna li tistabbilixxi d-dettalji tal-identità tagħha bħala bniedem, li jinkludi d-dritt tal-persuni transġeneru għall-iżvilupp personali u għall-integrità fiżika u morali kif ukoll għar-rispett u għar-rikonoxximent tal-identità tal-ġeneru tagħhom. Għal dan il-għan, dan l-Artikolu 8 jimponi fuq l-Istati, minbarra obbligi negattivi bil-għan li l-persuni transġeneru jitħarsu mill-indħil arbitrarju tal-awtoritajiet pubbliċi, obbligi pożittivi, li jobbligawhom jimplimentaw proċeduri effikaċi u aċċessibbli li jiggarantixxu r-rispett effettiv tad-dritt tagħhom għall-identità tal-ġeneru. Barra minn hekk, fid-dawl tal-importanza partikolari ta’ dan id-dritt, l-Istati għandhom biss marġni ta’ diskrezzjoni limitat f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Mirin,C‑4/23, EU:C:2024:845, punti 64 u 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti EDB iddeċidiet b’mod partikolari li r-rikonoxximent tal-identità tal-ġeneru ta’ persuna transġeneru ma jistax ikun suġġett għat-twettiq ta’ trattament kirurġiku mhux mixtieq minn din il-persuna (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 19 ta’ Jannar 2021, X u Y vs Ir‑Rumanija, CE:ECHR:2021:0119JUD000214516, punti 165 u 167 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Fl-aħħar nett, it-tielet nett, prassi amministrattiva bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex, fi kwalunkwe każ, la neċessarja u lanqas proporzjonata sabiex tiġi ggarantita l-affidabbiltà u l-koerenza ta’ reġistru pubbliku, bħar-reġistru tal-ażil, peress li ċertifikat mediku, inkluż psikodjanjosi minn qabel, jista’ jikkostitwixxi prova rilevanti u suffiċjenti f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 6 ta’ April 2017, A.P., Garçon u Nicot vs Franza, CE:ECHR:2017:0406JUD007988512, punti 139 u 142). |
|
50 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 16 tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt għar-rettifika tad-data personali dwar l-identità tal-ġeneru ta’ persuna fiżika, li tinsab f’reġistru pubbliku, din il-persuna tista’ tkun obbligata tipprovdi l-provi rilevanti u suffiċjenti li jistgħu raġonevolment jintalbu mill-imsemmija persuna sabiex tiġi stabbilita n-nuqqas ta’ preċiżjoni ta’ din id-data. Madankollu, Stat Membru fl-ebda każ ma jista’, permezz ta’ prassi amministrattiva, jissuġġetta l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għall-produzzjoni ta’ provi ta’ trattament kirurġiku ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-ġeneru. |
Fuq l-ispejjeż
|
51 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.