SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
9 ta’ Jannar 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 57(1)(f) u (4) – Kompiti tal-awtorità ta’ kontroll – Kunċett ta’ ‘talba’ – Kunċetti ta’ ‘talba’ u ta’ ‘talbiet eċċessivi’ – Rekwiżit ta’ ħlas ta’ tariffi raġonevoli jew rifjut li jittieħdu passi fir-rigward tat-talbiet f’każ ta’ talbiet manifestament infondati jew eċċessivi – Kriterji li jistgħu jiggwidaw l-għażla tal-awtorità ta’ kontroll – Artikolu 77(1) – Kunċett ta’ ‘lment’”
Fil-Kawża C‑416/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Lulju 2023, fil-proċedura
Österreichische Datenschutzbehörde
vs
F R,
fil-preżenza ta’:
Bundesministerin für Justiz,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Österreichische Datenschutzbehörde, minn M. Schmidl, bħala aġent, |
|
– |
għal F R, minn C. Wirthensohn, Rechtsanwalt, |
|
– |
għall-Bundesministerin für Justiz, minn E. Riedl, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u C. Gabauer, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, T. Suchá u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, F. Erlbacher u H. Kranenborg, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 57(4) u tal-Artikolu 77(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn F R, persuna fiżika, u l-Österreichische Datenschutzbehörde (l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem id-“DSB”) dwar ir-rifjut minn din tal-aħħar li tieħu passi fir-rigward ta’ lment dwar allegat ksur tad-dritt ta’ aċċess ta’ F R għad-data personali tagħha. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Skont il-premessi 10, 11, 59, 63 u 129 tal-GDPR:
[…]
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 12 tal-GDPR, intitolat “Informazzjoni, komunikazzjoni u modalitajiet trasparenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 5 tiegħu: “2. Il-kontrollur għandu jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont l-Artikoli 15 sa 22. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 11(1) [(2)], il-kontrollur ma għandux jirrifjuta li jieħu azzjoni fuq it-talba tas-suġġett tad-data biex jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont l-Artikoli 5 sa 22, ħlief jekk il-kontrollur juri li huwa ma jkunx f’pożizzjoni li jidentifika s-suġġett tad-data. […] 5. L-informazzjoni pprovduta skont l-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni u kwalunkwe azzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 għandhom jingħataw mingħajr ħlas. Fejn it-talbiet minn suġġett tad-data jkunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b’mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, il-kontrollur jista’ jew:
Il-kontrollur għandu jerfa’ r-responsabbiltà li juri n-natura manifestament mingħajr bażi jew eċċessiva tat-talba.” |
|
5 |
L-Artikolu 15 tal-GDPR, intitolat “Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għad-data personali u l-informazzjoni li ġejja:
[…]
[…]” |
|
6 |
L-Artikolu 52 tal-GDPR, intitolat “Indipendenza”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu: “Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità superviżorja tiġi pprovduta bir-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji, il-bini u l-infrastruttura meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-kompiti tagħha u l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha, inklużi dawk li għandhom jitwettqu fil-kuntest ta’ assistenza, kooperazzjoni u parteċipazzjoni reċiproki fil-Bord.” |
|
7 |
L-Artikolu 57 tal-GDPR, intitolat “Kompiti”, huwa fformulat kif ġej: “1. Mingħajr preġudizzju għal kompiti oħra stabbiliti f’dan ir-Regolament, kull awtorità superviżorja għandha fit-territorju tagħha:
[…]
[…] 2. Kull awtorità superviżorja għandha tiffaċilita s-sottomissjoni ta’ lmenti msemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 1, b’miżuri bħal pereżempju formola għas-sottomissjoni tal-ilmenti li tista’ timtela wkoll b’mod elettroniku, mingħajr ma jiġu esklużi mezzi oħra ta’ komunikazzjoni. 3. It-twettiq tal-kompiti ta’ kull awtorità superviżorja għandu jkun bla ħlas għas-suġġett tad-data u, fejn applikabbli, għall-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data. 4. F’każ li t-talbiet ikunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b’mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, l-awtorità superviżorja tista’ timponi tariffa raġonevoli bbażata fuq l-ispejjeż amministrattivi, jew tirrifjuta li taġixxi fuq it-talba. L-awtorità superviżorja għandha terfa’ r-responsabbiltà li turi n-natura manifestament bla bażi jew eċċessiva tat-talba.” |
|
8 |
L-Artikolu 77 tal-GDPR, intitolat “Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu jew il-post tal-ksur allegat, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta’ data personali dwaru jikser dan ir-Regolament.” |
Id‑dritt Awstrijak
|
9 |
L-Artikolu 24 tal-Bundesgesetz zum Schutz natürlicher Personen bei der Verarbeitung personenbezogener Daten (il-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Fiżiċi fir-rigward tal-Ipproċessar tad-Data Personali) tas‑17 ta’ Awwissu 1999 (BGBl. I, 165/1999), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, intitolat “Ilmenti indirizzati lill-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data”, jipprovdi, fil-paragrafi 1, 5 u 8 tiegħu: “(1) Kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq lment quddiem l-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data jekk huwa jqis li l-ipproċessar tad-data personali li tikkonċerna lilu jikkostitwixxi ksur tal-GDPR jew tal-Artikolu 1 jew tal-Artikolu 2 tal-ewwel parti prinċipali. […] (5) Kemm‑il darba lment ikun jirriżulta ġġustifikat, għandhom jittieħdu passi fir-rigward tiegħu. Kemm‑il darba ksur ikun imputabbli lil kontrollur tas-settur privat, dan tal-aħħar għandu jiġi ordnat jilqa’ t-talbiet għal aċċess, għal rettifika, għal tħassir, għal restrizzjoni jew għal trasferiment ta’ data mressqa minn min iressaq it-talba sa fejn ikun meħtieġ sabiex jiġi rrimedjat il-ksur ikkonstatat. Kemm‑il darba l-ilment ikun jirriżulta infondat, dan għandu jiġi miċħud. […] (8) Kwalunkwe suġġett tad-data jista’ jadixxi lill-Qorti Amministrattiva jekk l-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data ma tittrattax l-ilment jew ma tinformax lis-suġġett tad-data bil-progress jew bl-eżitu tal-ilment fi żmien tliet xhur.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
10 |
Fis‑17 ta’ Frar 2020, F R ressqet ilment quddiem id-DSB skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR għal ksur tal-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, minħabba li kumpannija, li kellha l-kwalità ta’ kontrollur, ma kinitx wieġbet għat-talba tagħha għal aċċess għad-data personali tagħha fi żmien xahar. |
|
11 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ April 2020, id-DSB irrifjutat, abbażi tal-Artikolu 57(4) tal-GDPR, milli tieħu passi fir-rigward ta’ dan l-ilment minħabba n-natura eċċessiva tiegħu. F’dan ir-rigward, hija rrilevat b’mod partikolari li l-persuna kkonċernata kienet indirizzatilha, fi żmien madwar 20 xahar, 77 ilment simili kontra diversi kontrolluri. Barra minn hekk, F R allegatament ikkuntattjat regolarment lid-DSB bit-telefon sabiex tispjega fatti supplimentari u tagħmel talbiet addizzjonali. |
|
12 |
F R ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija). |
|
13 |
Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, dik il-qorti laqgħet dan ir-rikors u annullat id-deċiżjoni tad-DSB. L-imsemmija qorti ddeċidiet, essenzjalment, li n-natura eċċessiva ta’ talba, fis-sens tal-Artikolu 57(4) tal-GDPR, mhux biss timplika ripetizzjoni frekwenti tat-talbiet, iżda wkoll in-natura manifestament vessatorja jew abbużiva ta’ dawn tal-aħħar. Issa, ir-raġunijiet mogħtija mid-DSB sabiex tirrifjuta milli tittratta l-ilment imressaq minn F R ma jirriflettux in-natura abbużiva tal-mod kif imxiet din tal-aħħar. Barra minn hekk, fil-fehma tal-istess qorti, awtorità ta’ kontroll li jkollha quddiemha talbiet eċċessivi ma tistax tagħżel skont kif jaqblilha bejn iż-żewġ għażliet previsti f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri li jew titlob il-ħlas ta’ tariffi raġonevoli jew tirrifjuta li tieħu passi fir-rigward ta’ dawn it-talbiet. L-għażla bejn il-waħda jew l-oħra taqa’ taħt l-evalwazzjoni libera, li l-eżerċizzju tagħha għandu jkun iġġustifikat mill-awtorità ta’ kontroll. Issa, fil-fehma ta’ dik il-qorti, tali motivazzjoni hija nieqsa f’dan il-każ. |
|
14 |
Adita mid-DSB b’rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju, tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk il-kunċett ta’ “talba” li jinsab fl-Artikolu 57(4) tal-GDPR jinkludix l-ilmenti mressqa skont l-Artikolu 77(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
15 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li huwa minnu li l-kunċett ta’ “talba” jintuża, fil-lista tal-kompiti tal-awtoritajiet ta’ kontroll li tinsab fl-Artikolu 57(1) tal-GDPR, sabiex jindika, esklużivament fil-punt (e) ta’ din id-dispożizzjoni, it-talbiet għal informazzjoni indirizzati lil dawn l-awtoritajiet mis-suġġetti tad-data dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lilhom minn dan ir-regolament. Madankollu, minn din iċ-ċirkustanza ma jistax jiġi dedott li l-Artikolu 57(4) tal-imsemmi regolament jista’ japplika biss għat-trattament ta’ tali talbiet. Għall-kuntrarju, il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li tistabbilixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ gratuwità, jippermetti li minflok jiġi konkluż li l-kunċett ta’ “talba” msemmi fiha jkopri wkoll l-ilmenti, peress li t-trattament ta’ dawn tal-aħħar jikkostitwixxi l-kompitu prinċipali tal-awtoritajiet ta’ kontroll u li huwa meħtieġ li dawn l-awtoritajiet ma jinħlewx jittrattaw ilmenti manifestament infondati jew eċċessivi. |
|
16 |
Madankollu, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, tali interpretazzjoni jkollha l-konsegwenza li tirrestrinġi l-obbligu tal-awtoritajiet ta’ kontroll li jittrattaw l-ilmenti, skont l-Artikolu 57(1)(f) tal-GDPR, u tista’ tkun il-kuntrarju tal-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament, b’mod partikolari dak li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fi ħdan l-Unjoni. |
|
17 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li, kemm‑il darba kellha tiġi adottata tali interpretazzjoni, il-limitazzjoni li jimponi l-Artikolu 57(4) tal-GDPR fuq id-dritt li jitressaq ilment tkun proporzjonata. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tippreżupponi li l-awtorità ta’ kontroll tipproduċi l-prova tan-natura manifestament infondata jew eċċessiva tal-ilment. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ din l-awtorità li teżiġi l-ħlas ta’ tariffi raġonevoli jew li tirrifjuta li tieħu passi fir-rigward tal-ilment hija suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju msemmi fl-Artikolu 78(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
18 |
Fit-tieni lok, li kellu l-Artikolu 57(4) tal-GDPR ikun interpretat fis-sens li japplika għall-ilmenti msemmija fl-Artikolu 77(1) ta’ dan ir-regolament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-kunċett ta’ “talba eċċessiva”, fis-sens tal-Artikolu 57(4) tal-imsemmi regolament. B’mod partikolari, dik il-qorti tosserva li, għalkemm l-imsemmija dispożizzjoni ssemmi b’mod espliċitu, bħala eżempju ta’ “talbiet eċċessivi”, il-każ ta’ talbiet “ta’ natura ripetittiva”, xorta jibqa’ l-fatt li, bħala eċċezzjoni għall-obbligu ta’ kull awtorità ta’ kontroll li tittratta l-ilmenti, il-possibbiltà li jiġi rrifjutat li jiġi ttrattat ilment għandha tiġi interpretata b’mod strett, peress li din il-possibbiltà twassal għal ħsara sinjifikattiva għall-protezzjoni prevista fil-GDPR fir-rigward tal-persuni fiżiċi waqt l-ipproċessar ta’ data personali u b’hekk tidderoga mill-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament. |
|
19 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk in-numru ta’ lmenti mressqa matul perijodu partikolari quddiem awtorità ta’ kontroll huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li lment ikun eċċessiv, indipendentement miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull wieħed minn dawn l-ilmenti individwali u mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontrolluri kkonċernati mill-imsemmija lmenti, jew jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra li abbażi tagħhom ikun jista’ jiġi konkluż li teżisti intenzjoni abbużiva. |
|
20 |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tqis li l-applikazzjoni tal-Artikolu 57(4) tal-GDPR tqajjem ukoll kwistjonijiet fid-dawl tal-konsegwenzi ġuridiċi li wieħed għandu jislet fil-każ ta’ talbiet manifestament infondati jew eċċessivi. Fil-fatt, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex ċar jekk l-awtoritajiet ta’ kontroll jistgħux liberament jagħżlu waħda jew l-oħra miż-żewġ għażliet li hija tipprevedi, jiġifieri li jew jeżiġu l-ħlas ta’ tariffi raġonevoli għat-trattament tal-ilment jew jirrifjutaw mill-ewwel li jittrattaw dan tal-aħħar. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li d-duttrina ma taqbilx dwar din il-kwistjoni. |
|
21 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
2. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: L-Artikolu 57(4) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed, biex ikun hemm ‘talbiet eċċessivi’, li persuna tkun ressqet matul ċertu perijodu ta’ żmien ċertu numru ta’ talbiet (ilmenti skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR) lil awtorità superviżorja [awtorità ta’ kontroll], indipendentement mill-punt jekk dawn jikkonċernawx fatti differenti u/jew jekk it-talbiet (ilmenti) jikkonċernawx lil persuni differenti responsabbli għall-ipproċessar, jew għandu jkun hemm ukoll intenzjoni ta’ abbuż mill-persuna kkonċernata [suġġett tad-data] flimkien mar-repetizzjoni frekwenti tat-talbiet (ilmenti)?
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
22 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 57(4) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “talba” li jinsab f’dak l-artikolu jkopri l-“ilmenti” msemmija fl-Artikolu 77(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
23 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “lment” jinsab ukoll fl-Artikolu 57(1)(f) tal-GDPR. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, dik il-qorti qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 57(4) ta’ dan ir-regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “talba” li jinsab f’dak l-artikolu jkopri l-“ilmenti” msemmija fl-Artikolu 57(1)(f) u fl-Artikolu 77(1) tal-imsemmi regolament. |
|
24 |
Sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-mod kif jitqiegħed kliemha, skont it-tifsira normali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Datenschutzbehörde u CRIF, C‑487/21, EU:C:2023:369, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx minn dejn li ma tħallasx lura), C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2024, Trade Express‑L u Devnia TSIMENT, C‑395/22 u C‑428/22, EU:C:2024:374, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-Artikolu 57(1)(f) tal-GDPR, dan tal-aħħar jipprevedi li kull awtorità ta’ kontroll għandha, fit-territorju tagħha, “tittratta lmenti mressqa minn suġġett tad-data […] u tinvestiga, sa fejn ikun xieraq, is-suġġett tal-ilment u tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, b’mod partikolari jekk tkun meħtieġa aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma’ awtorità superviżorja oħra”. |
|
26 |
Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 57(4) tal-GDPR jipprovdi li “[f]’każ li t-talbiet ikunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b’mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, l-awtorità superviżorja tista’ timponi tariffa raġonevoli bbażata fuq l-ispejjeż amministrattivi, jew tirrifjuta li taġixxi fuq it-talba” u li “[l]-awtorità superviżorja għandha terfa’ r-responsabbiltà li turi n-natura manifestament bla bażi jew eċċessiva tat-talba”. |
|
27 |
Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 77(1) tal-GDPR, dan tal-aħħar jipprovdi li “[m]ingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu jew il-post tal-ksur allegat, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta’ data personali dwaru jikser dan ir-Regolament”. |
|
28 |
B’hekk, ebda waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 25 sa 27 ta’ din is-sentenza ma tiddefinixxi b’mod espliċitu l-kunċett ta’ “talba”, fis-sens tal-Artikolu 57(4) tal-GDPR. |
|
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “talba”, skont it-tifsira normali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, huwa partikolarment wiesa’, peress li jista’ jinkludi kull solleċitazzjoni magħmula minn persuna jew entità. |
|
30 |
Għandu jiġi kkonstatat, għalhekk, li l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 25 sa 27 ta’ din is-sentenza tippermetti li jitqies li l-ilmenti mressqa skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “talbiet”, fis-sens tal-Artikolu 57(4) ta’ dan ir-regolament. |
|
31 |
Din l-analiżi testwali hija kkorroborata, fit-tieni lok, mill-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 57 tal-GDPR jiddeskrivi l-kompiti tal-awtoritajiet ta’ kontroll u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom dawn il-kompiti għandhom jitwettqu. B’hekk, b’mod partikolari, dan l-Artikolu 57 jipprevedi, l-ewwel nett, fil-paragrafu 1(a) tiegħu, li kull awtorità għandha tissorvelja l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u tiżgura l-osservanza tiegħu, it-tieni nett, fil-paragrafu 1(e) tiegħu, li hija għandha tipprovdi, fuq talba, lil kull suġġett tad-data informazzjoni dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lilu mill-imsemmi regolament u, fejn meħtieġ, tikkoopera, għal dan il-għan, mal-awtoritajiet ta’ kontroll ta’ Stati Membri oħra, u, it-tielet nett, fil-paragrafu 2 tiegħu, li hija tiffaċilita l-mod kif jitressqu l-ilmenti msemmija fil-paragrafu 1(f), permezz ta’ miżuri bħall-provvista ta’ formola għat-tressiq tal-ilmenti li tista’ timtela wkoll b’mod elettroniku, mingħajr ma jiġu esklużi mezzi oħra ta’ komunikazzjoni. |
|
32 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 57(3) tal-GDPR jistabbilixxi l-prinċipju li t-twettiq tal-kompiti ta’ kull awtorità ta’ kontroll għandu jkun bla ħlas għas-suġġett tad-data (prinċipju ta’ gratuwità) u, jekk jagħti l-każ, għall-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data. |
|
33 |
Għaldaqstant, l-Artikolu 57(4) tal-imsemmi regolament, filwaqt li jipprevedi l-possibbiltà għall-awtoritajiet ta’ kontroll li, meta jkollhom quddiemhom talbiet li jkunu manifestament infondati jew eċċessivi, jeżiġu l-ħlas ta’ tariffi raġonevoli skont l-ispejjeż amministrattivi jew jirrifjutaw li jieħdu passi fir-rigward ta’ talba partikolari, jipprevedi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ gratuwità stabbilit fl-Artikolu 57(3) tal-imsemmi regolament, liema artikolu għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. |
|
34 |
B’hekk, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 28 sa 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn it-trattament mill-awtoritajiet ta’ kontroll tat-talbiet mressqa quddiemhom huwa r-regola, dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu awtorizzati jużaw il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 57(4) tal-GDPR f’każijiet eċċezzjonali biss. |
|
35 |
Issa, minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jistax jiġi dedott li l-Artikolu 57(4) tal-GDPR, sa fejn juża l-kunċett ta’ “talbiet”, għandu japplika biss għat-talbiet imsemmija fl-Artikolu 57(1)(e) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, l-Artikolu 57(3) tal-imsemmi regolament japplika għall-kompiti kollha tal-awtoritajiet ta’ kontroll, inkluż għat-trattament tal-ilmenti previsti fl-Artikolu 57(1)(f) tal-istess regolament. |
|
36 |
F’dan il-kuntest, l-Artikolu 57(4) tal-GDPR għandu, sa fejn jipprevedi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ gratuwità, mingħajr ma jillimitaha għal ċerti kompiti speċifiċi ta’ dawn l-awtoritajiet ta’ kontroll, japplika wkoll għat-trattament tal-ilmenti previst fl-Artikolu 57(1)(f) ta’ dan ir-regolament, u dan iktar u iktar peress li dan it-trattament jikkostitwixxi kompitu essenzjali tal-imsemmija awtoritajiet ta’ kontroll. Barra minn hekk, l-awtorità ta’ kontroll għandha tittratta tali lment bid-diliġenza kollha meħtieġa (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx ta’ dejn li ma tħallasx lura), C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Mill-banda l-oħra, l-interpretazzjoni fis-sens li l-kunċett ta’ “talbiet” imsemmi fl-Artikolu 57(4) tal-GDPR ikopri biss it-talbiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 57(1)(e) ta’ dan ir-regolament u mhux ukoll l-ilmenti msemmija fl-Artikolu 57(1)(f) u fl-Artikolu 77(1) tal-imsemmi regolament iċċaħħad lill-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet minn parti kbira tal-effett utli tagħha u tmur kontra l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet iggarantiti mill-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 47). |
|
38 |
Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni kuntestwali hija konformi mal-għanijiet tal-GDPR. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan ir-regolament għandu l-għan, kif proprju jiddikjaraw il-premessi 10 u 11 tiegħu, li jiżgura livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fi ħdan l-Unjoni kif ukoll li jsaħħaħ u jippreċiża d-drittijiet tas-suġġett tad-data (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2023, FT (Kopji tal-fajl mediku), C‑307/22, EU:C:2023:811, punt 47). |
|
39 |
B’hekk, il-proċedura li biha jista’ jitressaq ilment hija maħsuba bħala mekkaniżmu li jista’ jissalvagwardja b’mod effikaċi d-drittijiet u l-interessi tas-suġġetti tad-data (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx ta’ dejn li ma tħallasx lura), C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punt 58, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, l-obbligu, li għandhom l-awtoritajiet ta’ kontroll, li jiffaċilitaw il-mod kif jitressqu l-ilmenti u l-prinċipju ta’ gratuwità, previsti fl-Artikolu 57(2) u (3) tal-GDPR, huma intiżi sabiex jippermettu lil kull suġġett tad-data jitlob li l-awtorità ta’ kontroll tirrispetta d-drittijiet li huwa jislet minn dan ir-regolament. |
|
40 |
F’dan il-kuntest, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tfittxija tal-għan li jiġi żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fi ħdan l-Unjoni teħtieġ li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tal-awtoritajiet ta’ kontroll billi jiġi evitat li dan il-funzjonament jiġi mfixkel minħabba t-tressiq ta’ lmenti manifestament infondati jew eċċessivi, fis-sens tal-Artikolu 57(4) tal-GDPR. B’hekk, din id-dispożizzjoni toffri lill-awtoritajiet ta’ kontroll il-possibbiltà li jittrattaw aħjar dawn l-ilmenti, billi ttaffi l-piż li bih dawn l-aħħar jistgħu jgħabbu lill-awtoritajiet ta’ kontroll. F’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni fejn awtorità ta’ kontroll ikollha quddiemha lmenti manifestament infondati jew eċċessivi, il-possibbiltà li teżiġi l-ħlas ta’ tariffi raġonevoli jew li tirrifjuta li tieħu passi fir-rigward ta’ dawn l-ilmenti hija tali li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali. |
|
41 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 57(4) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “talba” li jinsab f’dak l-artikolu jkopri l-ilmenti msemmija fl-Artikolu 57(1)(f) u fl-Artikolu 77(1) ta’ dan ir-regolament. |
Fuq it‑tieni domanda
|
42 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 57(4) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li jkunu ġew indirizzati numru kbir ta’ talbiet jista’ jkun biżżejjed sabiex dawn tal-aħħar jiġu kklassifikati bħala “eċċessivi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jew jekk tali klassifikazzjoni tippreżupponix ukoll intenzjoni abbużiva min-naħa tas-suġġett tad-data li jkun ressaq dawn it-talbiet. |
|
43 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, billi l-kunċett ta’ “talbiet eċċessivi” ma huwiex iddefinit fil-GDPR, jeħtieġ, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, li wieħed jirreferi għat-tifsira normali ta’ dan il-kunċett fil-lingwaġġ ta’ kuljum. Issa, l-aġġettiv “eċċessiv” jindika xi ħaġa li tmur lil hinn mill-ordinarju jew mir-raġonevoli, jew li tmur lil hinn minn dak li huwa mixtieq jew permess. |
|
44 |
Fit-tieni lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 57(4) tal-GDPR jirriżulta li t-talbiet jistgħu jkunu “eċċessivi” meta, b’mod partikolari, ikunu ta’ natura ripetittiva. Madankollu, l-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk din in-natura ripetittiva u, konsegwentement, is-sempliċi numru ta’ talbiet imressqa humiex biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata tali klassifikazzjoni. B’hekk, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandha tiġi eżaminata l-portata tal-imsemmija dispożizzjoni skont il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti. |
|
45 |
Fir-rigward tal-kuntest, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Artikolu 12 tal-GDPR jistabbilixxi obbligi ġenerali li għandu l-kontrollur f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasparenza tal-informazzjoni u tal-komunikazzjonijiet, u jistabbilixxi wkoll ir-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data. Skont l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, il-kontrollur għandu jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lis-suġġett tad-data skont l-Artikoli 15 sa 22 tal-imsemmi regolament. |
|
46 |
It-tieni nett, l-Artikolu 15 tal-GDPR, li jaqa’ taħt it-Taqsima 2 tal-Kapitolu III ta’ dan tal-aħħar, li tirrigwarda l-informazzjoni u l-aċċess għad-data personali, jikkompleta l-qafas ta’ trasparenza ta’ dan ir-regolament billi jagħti lis-suġġett tad-data dritt ta’ aċċess għad-data personali tiegħu u dritt għal informazzjoni dwar l-ipproċessar ta’ din id-data. |
|
47 |
Dan l-Artikolu 15 tal-GDPR għandu jinqara fid-dawl tal-ewwel sentenza tal-premessa 63 ta’ dan ir-regolament, li tgħid li suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt ta’ aċċess għal data li tkun inġabret dwaru u għandu jkun intitolat jeżerċita dak id-dritt b’mod faċli u f’intervalli raġonevoli, sabiex ikun konsapevoli tal-ipproċessar u sabiex jivverifika l-legalità tiegħu. F’dan ir-rigward, jekk dan is-suġġett tad-data jkun indirizza diversi talbiet għal aċċess lil kontrollur wieħed jew lil diversi kontrolluri mingħajr ma jkun kiseb sodisfazzjon, in-numru ta’ lmenti mressqa quddiem awtorità ta’ kontroll jista’ jkun identiku għan-numru ta’ rifjuti minn dawn il-kontrolluri fil-konfront tal-imsemmi suġġett tad-data. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iffissar ta’ limitu massimu numeriku assolut, li lil hinn minnu l-imsemmija lmenti jkunu jistgħu jiġu awtomatikament ikklassifikati bħala eċċessivi, jista’ jqiegħed f’perikolu d-drittijiet iggarantiti mill-imsemmi regolament. |
|
48 |
F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat fil-punti 33, 34 u 36 ta’ din is-sentenza, l-użu tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 57(4) tal-GDPR, sa fejn jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ gratuwità, imsemmi fl-Artikolu 57(3) ta’ dan ir-regolament, għandu għalhekk jibqa’ eċċezzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 40, kif ukoll tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur), C‑873/19, EU:C:2022:857, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-possibbiltà tista’ tintuża biss f’każ ta’ abbuż ta’ dritt (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2023, FT (Kopji tal-fajl mediku), C‑307/22, EU:C:2023:811, punt 31), mingħajr ma n-numru ta’ lmenti mressqa jkun jista’ jikkostitwixxi, waħdu, kriterju suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tali abbuż. |
|
49 |
Fil-fatt, l-Artikolu 57(4) tal-GDPR jirrifletti l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li jeżisti, fid-dritt tal-Unjoni, prinċipju ġenerali tad-dritt li l-partijiet f’kawża ma jistgħux jinvokaw ir-regoli tal-Unjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et, C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 281, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
F’dan il-kuntest, fejn tkun biħsiebha tuża l-possibbiltà li joffri l-Artikolu 57(4) tal-GDPR, l-awtorità ta’ kontroll ikkonċernata għandha tistabbilixxi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha ta’ kull każ, l-eżistenza ta’ intenzjoni abbużiva min-naħa tas-suġġett tad-data inkwistjoni, billi n-numru ta’ lmenti mressqa minn dan tal-aħħar, meħud waħdu, ma huwiex biżżejjed. Issa, l-eżistenza ta’ intenzjoni abbużiva tista’ tkun ikkonstatata fejn is-suġġett tad-data jressaq lmenti mingħajr ma dan ikun oġġettivament meħtieġ għall-protezzjoni tad-drittijiet li huwa jislet mill-imsemmi regolament. |
|
51 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 52(4) tal-GDPR, jiżguraw li kull awtorità ta’ kontroll tiġi pprovduta bir-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji kif ukoll bil-bini u bl-infrastruttura meħtieġa sabiex twettaq il-kompiti tagħha u teżerċita s-setgħat tagħha b’mod effettiv. Minn dan isegwi li dawn ir-riżorsi għandhom jiġu aġġustati skont l-użu li s-suġġetti tad-data jagħmlu mid-dritt tagħhom li jressqu lmenti quddiem l-awtoritajiet ta’ kontroll. |
|
52 |
B’hekk, huma l-Istati Membri li għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet ta’ kontroll il-mezzi xierqa għat-trattament tal-ilmenti kollha li jkollhom quddiemhom, billi, fejn meħtieġ, iżidulhom dawn il-mezzi sabiex jaġġustawhom skont l-użu li s-suġġetti tad-data jagħmlu mid-dritt tagħhom li jressqu l-ilmenti skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR. Awtorità ta’ kontroll ma tistax, għalhekk, issostni, insostenn tar-rifjut tagħha li tieħu passi fir-rigward ta’ lment skont l-Artikolu 57(4) ta’ dan ir-regolament, li suġġett tad-data li jressaq numru ta’ lmenti ferm ogħla min-numru medju ta’ lmenti mressqa minn kull suġġett tad-data kkonċernat ikun qiegħed juża ħafna mir-riżorsi ta’ din l-awtorità, bi ħsara tat-trattament tal-ilmenti mressqa minn suġġetti tad-data oħra. |
|
53 |
Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ilmenti mressqa skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR għandhom rwol importanti fl-għarfien li l-awtoritajiet ta’ kontroll jista’ jkollhom tal-ksur tad-drittijiet protetti minn dan ir-regolament. Għalhekk, dawn l-ilmenti jikkontribwixxu b’mod sostanzjali sabiex jiġi ggarantit livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tas-suġġetti tad-data fi ħdan l-Unjoni kif ukoll sabiex jissaħħu u jiġu ppreċiżati d-drittijiet ta’ dawn is-suġġetti tad-data fis-sens tal-premessi 10 u 11 tal-imsemmi regolament. |
|
54 |
Konsegwentement, li kellhom l-awtoritajiet ta’ kontroll jitħallew jikkonstataw in-natura eċċessiva tal-ilmenti minħabba s-sempliċi fatt li n-numru tagħhom ikun wieħed kbir iqiegħed f’perikolu l-ilħiq ta’ dan il-għan. Fil-fatt, in-numru kbir ta’ lmenti jista’ jkun il-konsegwenza diretta ta’ numru kbir ta’ nuqqasijiet, min-naħa ta’ kontrollur wieħed jew iktar, li jirrispondu għal talbiet għal aċċess jew ta’ numru kbir ta’ rifjuti, min-naħa ta’ kontrollur wieħed jew iktar, li jittieħdu passi fir-rigward ta’ talbiet għal aċċess li jitressqu minn suġġett tad-data sabiex jipproteġi d-drittijiet tiegħu. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, li kellu wieħed jieħu inkunsiderazzjoni biss in-numru ta’ lmenti jista’ jwassal għal ksur arbitrarju tad-drittijiet li s-suġġett tad-data jislet mill-GDPR, b’tali mod li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ talbiet eċċessivi, fis-sens tal-Artikolu 57(4) ta’ dan ir-regolament, għandha tkun suġġetta għall-kundizzjoni li tintwera intenzjoni abbużiva min-naħa tas-suġġett tad-data li jressaq tali lmenti. |
|
56 |
Skont iċ-ċirkustanzi partikolari għal kull każ, huwa għalhekk l-obbligu tal-awtorità ta’ kontroll li quddiemha jitressqu numru kbir ta’ lmenti li turi li dan in-numru huwa daqstant mhux minħabba r-rieda tas-suġġett tad-data li jikseb protezzjoni għad-drittijiet tiegħu li huwa jislet mill-GDPR, imma minħabba skop ieħor, li ma jkollu ebda rabta ma’ din il-protezzjoni. L-istess jgħodd, għalhekk, b’mod partikolari, fejn dawn iċ-ċirkustanzi jkunu juru li n-numru ta’ lmenti huwa intiż li jxekkel l-funzjonament tajjeb ta’ din l-awtorità billi juża r-riżorsi tagħha b’mod abbużiv. |
|
57 |
F’dan ir-rigward, in-numru kbir ta’ lmenti jista’ jkun indizju tal-eżistenza ta’ talbiet eċċessivi fejn jkun jidher li dawn l-ilmenti ma jkunux oġġettivament iġġustifikati minn kunsiderazzjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet li dan is-suġġett tad-data jgawdi taħt il-GDPR. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, fejn suġġett tad-data jressaq numru ta’ lmenti tant kbir quddiem awtorità ta’ kontroll, li jkunu indirizzati lil numru kbir ta’ kontrolluri li magħhom huwa mhux neċessarjament ikollu xi forma ta’ rabta, li dan l-użu sproporzjonat tad-dritt tiegħu li jressaq ilment ikun juri, flimkien ma’ fatturi oħra, bħall-kontenut ta’ dawn l-ilmenti, l-intenzjoni tiegħu li jipparalizza l-funzjonament ta’ din l-awtorità billi jinondaha bit-talbiet tiegħu. |
|
58 |
F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-DSB stabbilixxietx l-eżistenza ta’ intenzjoni abbużiva tas-suġġett tad-data, mingħajr ma n-numru ta’ lmenti tagħha jkun jista’, waħdu, jiġġustifika l-użu tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 57(4) tal-GDPR. |
|
59 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 57(4) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li t-talbiet ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “eċċessivi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minħabba biss in-numru tagħhom tul perijodu determinat, peress li l-użu tal-possibbiltà prevista fl-imsemmija dispożizzjoni huwa suġġett għall-prova, mill-awtorità ta’ kontroll, tal-eżistenza ta’ intenzjoni abbużiva min-naħa tas-suġġett tad-data li jkun ressaq dawn it-talbiet. |
Fuq it‑tielet domanda
|
60 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 57(4) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta jkollha quddiemha talbiet eċċessivi, awtorità ta’ kontroll tista’ liberament tagħżel li jew teżiġi l-ħlas ta’ tariffi raġonevoli skont l-ispejjeż amministrattivi jew tirrifjuta li tieħu passi fir-rigward ta’ dawn it-talbiet. |
|
61 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 57(4) tal-GDPR, għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ għażliet li huwa jipprevedi fil-każ ta’ talbiet eċċessivi, jiġifieri li l-awtorità ta’ kontroll jew teżiġi l-ħlas ta’ tariffi raġonevoli skont l-ispejjeż amministrattivi jew tirrifjuta li tieħu passi fir-rigward ta’ dawn it-talbiet, huma elenkati b’mod suċċessiv u huma separati bil-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew”, mingħajr ma huwa possibbli li mill-formulazzjoni adottata tiġi dedotta xi ordni fis-sens li l-waħda tieħu preċedenza fuq l-oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Österreichische Post (Informazzjoni dwar id-destinatarji tad-data personali), C‑154/21, EU:C:2023:3, punt 31). |
|
62 |
B’hekk, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jidher li jiffavorixxi l-interpretazzjoni li din l-awtorità, ladarba tkun stabbilixxiet in-natura eċċessiva tat-talbiet li jitressqu quddiemha, għandha l-libertà li tagħżel bejn il-waħda jew l-oħra mill-imsemmija għażliet. |
|
63 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tal-Artikolu 57(4) tal-GDPR, għandu jitfakkar li l-premessa 59 ta’ dan ir-regolament tiddikjara “[g]ħandhom jiġu pprovduti modalitajiet biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju mis-suġġett tad-data tad-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament, inklużi mekkaniżmi sabiex jintalab u jekk applikabbli, jinkiseb, bla ħlas, b’mod partikolari, l-aċċess għal u r-rettifika jew it-tħassir ta’ data personali u l-eżerċizzju tad-dritt li joġġezzjona.” B’hekk, minn dan isegwi li wieħed jista’ jagħżel bejn il-waħda jew l-oħra miż-żewġ għażliet kemm‑il darba, fi kwalunkwe każ, ikun żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt li wieħed iressaq ilment. |
|
64 |
Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni mfissra fil-punt 62 ta’ din is-sentenza hija konformi mal-għanijiet li l-GDPR ifittex li jilħaq. |
|
65 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan ir-regolament għandu l-għan, kif proprju jiddikjaraw il-premessi 10 u 11 tiegħu, li jiżgura livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fi ħdan l-Unjoni kif ukoll li jsaħħaħ u jippreċiża d-drittijiet tas-suġġett tad-data (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2023, FT (Kopji tal-fajl mediku), C‑307/22, EU:C:2023:811, punt 47). |
|
66 |
Barra minn hekk, mill-premessa 129 tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-awtorità ta’ kontroll hija obbligata tevalwa n-natura manifestament infondata jew eċċessiva ta’ tali talba b’mod imparzjali u ekwu, u tiżgura n-natura xierqa, neċessarja u proporzjonata tal-għażla tagħha, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti u tevita l-ispejjeż żejda kif ukoll l-inkonvenjenzi eċċessivi għas-suġġett tad-data. |
|
67 |
Konsegwentement, meta wieħed iqis l-importanza tad-dritt li wieħed iressaq ilment fid-dawl tal-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali, il-pożizzjoni ewlenija li t-trattament ta’ dawn l-ilmenti jokkupa fost il-kompiti li bihom l-awtoritajiet ta’ kontroll huma fdati u l-obbligu ta’ dawn l-awtoritajiet li jittrattaw l-imsemmija lmenti bid-diliġenza kollha meħtieġa, huwa l-imsemmija awtoritajiet li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u jiżguraw in-natura xierqa u proporzjonata tal-għażla tagħhom. |
|
68 |
F’dan ir-rigward, awtorità ta’ kontroll tista’ tqis li jkun xieraq, skont iċ-ċirkustanzi rilevanti u sabiex ittemm prassi abbużiva li tkun tista’ tagħmel ħsara lill-funzjonament tajjeb tagħha, li teżiġi l-ħlas ta’ tariffi raġonevoli skont l-ispejjeż amministrattivi li jirriżultaw mill-piż eċċessiv ta’ xogħol li tali lmenti eċċessivi jġibu magħhom. Fil-fatt, il-funzjoni dissważiva ta’ din l-għażla tista’ twassal lil din l-awtorità sabiex, minflok ma tirrifjuta minnufih milli tieħu passi fir-rigward ta’ dawn l-ilmenti, tippreferi li teżiġi l-ħlas ta’ tariffi raġonevoli. |
|
69 |
B’hekk, fid-dawl tal-premessa 129 tal-GDPR, l-awtoritajiet ta’ kontroll jistgħu l-ewwel jagħmlu l-ħsieb li jeżiġu l-ħlas ta’ tariffi raġonevoli skont l-ispejjeż amministrattivi qabel ma mbagħad jirrifjutaw li jieħdu passi fir-rigward tal-ilmenti, inkwantu l-ewwel waħda minn dawn il-miżuri hija ta’ inqas ħsara għad-drittijiet li s-suġġetti tad-data jisiltu minn dan ir-regolament meta mqabbla mat-tieni waħda. Madankollu, l-Artikolu 57(4) tal-imsemmi regolament ma fih ebda obbligu li l-awtorità ta’ kontroll għandha, f’kull każ, tagħżel minnufih li teżiġi l-ħlas ta’ tariffi raġonevoli. |
|
70 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 57(4) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jkollha quddiemha talbiet eċċessivi, awtorità ta’ kontroll tista’ tagħżel, permezz ta’ deċiżjoni motivata, li jew teżiġi l-ħlas ta’ tariffi raġonevoli skont l-ispejjeż amministrattivi jew tirrifjuta li tieħu passi fir-rigward ta’ dawn it-talbiet, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u billi tiżgura ruħha min-natura xierqa, neċessarja u proporzjonata tal-għażla tagħha. |
Fuq l‑ispejjeż
|
71 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.